STORJA / HISTORY
Sfond Storiku ta’ Belt Fortifikata
Eskluża l-art prinċipali, li tinkludi l-Forti Sant’Anġlu, il-belt tkopri akwata ta’ madwar 175,000 metru kwadru. Il-Feniċi, l-ewwel nies magħrufa li okkupaw il-gżira, bnew fil-Birgu, tempju ddedikat lill-alla tutelari tagħhom, Astarte.
Mal-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta fl-1530, il-Birgu ġiet magħżula bħala s-sede tal-Ordni. Hawnhekk stabbilixxew ir-residenza u l-armamenti tagħhom, għall-bini u l-manutenzjoni tal-flotta tagħhom.
Matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, meta Malta ffaċċjat il-qawwa tal-Imperu Ottoman, il-belt kellha rwol deċiżiv. Għall-kontribut tagħha lejn ir-rebħa finali, il-Gran Mastru La Vallette semmieha ‘Civitas Vittoriosa’. Il-belt kienet is-sede tal-Gran Inkwiżizzjoni għal aktar minn mitejn sena.
Meta l-ordni ttrasferixxiet is-sede tal-Uffiċċju tagħha fil-Belt Valletta, il-Birgu ma naqasx fl-importanza. Il-Marina u l-arsenali tal-Ordni baqgħu hawn. Ir-rwol marittimu tal-Birgu kien imsaħħaħ matul il-perjodu Ingliż f’Malta, meta l-Forti Sant’Anġlu u x-Xatt tal-Birgu saru l-Kwartieri Ġenerali tar-‘Royal Navy’ fil-Mediterran.
Xatt il-Birgu jista’ jitqies bħala l-benniena tal-istorja tal-Birgu. Is-swar tal-Birgu huma possibbilment l-aktar antiki tat-tip tagħhom ġo Malta. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Birgu saret il-mira tal-azzjoni tal-għadu. Diversi bini u siti storiċi ġew imwaqqgħin u partijiet mill-belt reġgħu nbnew fuq linji moderni. Fil-konfini tas-swar tagħha, il-popolazzjoni tal-Birgu kellha t-tendenza li tikber skont iż-żieda fl-attività marittima.
Matul dawn l-aħħar snin, il-Birgu esperjenzat wkoll numru ta’ proġetti ta’ konservazzjoni u restawr, li taw qawmien mill-ġdid lill-ġmiel karatteristiku tagħha, li bla dubju jagħmilha waħda mill-attrazzjonijiet storiċi primarji tal-gżejjer tagħna.